Il-kultivazzjoni tal-għeneb fis-Siġġiewi
- Ryan Cachia
- Sep 15, 2023
- 2 min read
F'daż-żmien il-bdiewa jkunu qed jaqtgħu l-aħħar ftit għenieqed ta' għeneb fl-għelieqi tagħhom, u mhux lanqas fis-Siġġiewi. Anzi, l-iktar fis-Siġġiewi għaliex hu l-iktar raħal li ssib dwieli f'Malta. Filfatt fis-Siġġiewi wieħed jista' jsib iktar minn 560,000 metru kwadru ta' dwieli. Din l-imħabba lejn il-vitikultura f'raħalna tmur lura mijiet jekk mhux eluf ta' snin.
Filfatt evidenza tal-għasir tal-għeneb u l-produzzjoni tal-inbid fis-Siġġiewi tmur lura lejn Żmien ir-Rumani. Dan juruh id-diversi ħwat imħaffrin fil-blat lejn l-inħawi ta' San Lawrenz (Salib tal-Għolja) u lejn l-inħawi tal-Wardija ta' San Ġorġ. Dawn huma ħwat li bħalhom instabu madwar l-Ewropa kollha fejn kienu ħakmu r-Rumani. (Bugeja 2011)
Fl-istess epoka tar-Rumani, l-konsum tal-inbid kompla jiżdied u dan affetwa wkoll il-produzzjoni tal-inbid fis-Siġġiewi. Bdew jinbnew ħafna vilel madwar Malta fejn id-dar (li kienu joqogħdu fiha kemm sid l-art u anke l-ilsiera) kienet tkun f'nofs l-għelieqi li ħafna minnhom kien ikunu għat-tkabbir tad-dwieli u taż-żebbuġ. Waħda minnhom hi l-villa Rumana li tinsab il-Fawwara, qrib razzett magħruf tal-Gvernatur Dorman. Madwar din il-villa kien hemm ammont kbir ta' dwieli li mbagħad kien jitgħassar għall-inbid. Filfatt fil-villa hemm kantina kbira mħaffra fil-blat biex fiha jinħażnu l-btieti tal-inbid. Fl-aħħar ta' din il-kantina insibu b'bir qanpiena b'ħorża għolja. Din kienet kruċjali sabiex tikkontrolla t-temperatura u ċ-ċirkolazzjoni tal-arja. Din it-teknika insibuha wkoll użata f'partijiet tal-Italja. (Vassallo 2014)

Wara li l-Għarab rebħu l-gżira mingħand il-Biżantini, l-konsum tal-inbid baqgħet tiffjorixxi għalkemm mhux daqs qabel minħabba li l-Musulmani ma jixorbux inbid. Pero mal-wasla tal-Kavallieri, il-konsum tal-inbid reġa' qabad sew fost il-Maltin. Ir-rabta tas-Siġġiewi mal-inbid f'din l-epoka isemmieha Ġan Franġisk Abela meta fl-1647 kiteb illi fl-inħawi ta' Ġebel Ciantar kien hemm nixxiegħa u għaldaqstant l-art kienet fertili ħafna għat-tkabbir tad-dwieli. L-għeneb li kien jikber hemmhekk kien tat-tip tawwali u kellu togħma bnina u tajba li wassal għal Maltin ta' dak iż-żmien biex isejħu dan l-għeneb "Bessulet el Bakra" jiġifieri sider il-baqra. It-topoloġija taż-żona tgħin għall-benna ta' din l-għenba. dan għaliex ir-raba' li hemm il-Fawwara tħares lejn in-Nofsinhar u għalhekk tieħu l-ogħla ammont ta' xemx però r-raba' hu mkenni mill-irjieħ minħabba l-għoljiet ta' warajhom. (Cassar 2011)

Il-Gran Mastru Lascaris ukoll kompla jkabbar ir-rabta tal-għeneb mas-Siġġiewi meta bena ġnien tad-dwieli (bħal masseria fl-Italja) fuq Wied Ħesri. Dan il-ġnien narawh aħna u ħerġin minn Triq Blat il-Qamar fuq il-lemin bħala bieb imbarrat. (Vassallo 2014)
Aktar ma gerbeb iż-żmien, iktar kompliet tikber il-vitikultura fis-Siġġiewi li segwiet it-tradizzjoni twila ta' mijiet ta' snin. Il-ħwienet tal-inbid bdew jiftħu mar-raħal kollu speċjalment fil-Pjazza u f'Misraħ San Ġwann imma l-modernità qatlithom bil-mod il-mod. Illum il-ġurnata għad għandna l-grazzja li fadal ħafna bdiewa Siġġiwin li jaħdmu fid-dwieli. Bdew jiżdiedu ġmielhom wkoll il-produtturi tal-inbid fil-kampanja tagħna. Fl-aħħar snin bdejna niċċelebraw ukoll din il-kultivazzjoni bħala raħal f'dan iż-żmien tas-sena permezz ta' Festa Għeneb. Din is-sena se tittella' matul il-weekend li ġej fil-Pjazza - nħeġġiġkom tattendu ħalli niċċelebraw flimkien wieħed mill-elementi li jagħmilna Siġġiwin - il-kultivazzjoni tal-għeneb! Niltaqgħu!
Referenzi
Bugeja, A. (2011). Ħwat antiki għall-għasir tal-għeneb fis-Siġġiewi?. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2011, 109, 111.
Cassar, G. (2011). Il-Fawwara. Festa ta' San Nikola, [Siġġiewi,] 2011, 75, 77, 79.
Vassallo, N. (2014). Id-dwieli u l-inbid fis-Siġġiewi fl-imgħoddi u llum. Festa [San Nikola, Siġġiewi] 2014, 89, 91, 93-95.
Comments