top of page

Ħal Xluq


Ftit 'il barra mis-Siġġiewi, int u sejjer lejn il-Qrendi wieħed isib l-irħajjel ta' Ħal Xluq li hu wieħed mill-erba' li eventwalment iffurmaw is-Siġġiewi kif nafuh illum. X'aktarx l-isem tar-raħal ġej mill-kunjom antik "Xeluki". Kull meta immur lejn dawk l-inħawi, inħossni bħal donnu mort lura fi żmien iktar sempliċi 'il bogħod mill-ġenn tal-lum. Għalkemm raħal żgħir u maqtugħ, xorta waħda nissel nies ta' ħila. Fosthom hemm Patri Ambrogio Buttigieg li fl-1552 inħatar isqof mill-Papa Ġulju III u mbagħad inħatar Nunzju Appostoliku fejn serva fl-Armenja, is-Serbja, il-Babilonja u l-Kadea.


Fiċ-ċentru ta' dan ir-raħal insibu l-kappella ta' Santa Marija Assunta. Però fl-antik, mhux din il-kappella biss kien hemm. Fiż-żjara ta' Mons Pietru Dusina tal-1575, kien hemm sitt knejjes f'Ħal Xluq. Waqt din iż-żjara ġew profanati diversi knejjes, fosthom il-kappella ta' Santa Marija għax kienet fi stat ħażin. Għamel mod li fl-1583 din reġgħet inbiet mill-ġdid fejn anke il-kwadru titulari għamlu mill-ġdid. Mgħandniex xi ngħidu, nilqa' l-aħbar sabiħa li din il-kappella se tiġi restawrata - din il-kappella antikissima hi parti integrali mill-patrimonju storiku tagħna s-Siġġiwin.



Illum il-ġurnata l-festa għadha tiġi ċċelebrata nhar ta' Ħadd fuq Santa Marija fejn kważi kważi teħodna lura għal dak li kienet il-festa Maltija fi żmien imbiegħed. Qalb ir-raba' u l-irziezet ta' dari, din il-festa fis-sempliċità tagħha tagħtina togħma ta' kif bdiet il-festa Maltija biex żviluppat għal dik li nafuha llum.


Referenzi


Schembri, J. (2011). Tagħrif fuq Ħal Xluq. Is-Siġġiewi [festa San Nikola] 2011, 26-28.


Vassallo, M.T. (2009). Il-festa ta' Santa Marija ta' Ħal Xluq. Festa Santa Marija Mosta, 2009, 232-233, 236-237

댓글


bottom of page