top of page

L-orgni tal-parroċċa

Updated: May 8, 2024

Matul l-istorja tal-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi, kien hemm żewġ orgnijiet li ntużaw. Dak l-antik inġieb fis-sena 1791 u kien sewa mal-430 skud. Ma kienx tqiegħed fil-gallarija fejn naraw l-orgni llum imma f'gallarija fil-kor (wara l-artal maġġur) fuq in-naħa tas-sagristija. Meta imbagħad ġabu l-orgni l-ġdid, dawn iż-żewġ gallariji nħattew u minflokhom tqiegħdu l-lunetti li naraw llum.


Dan l-orgni serva sal-1922 meta nħass il-bżonn li jinxtara ieħor ġdid għal floku. Dan kien magħmul mid-ditta Pacifico Inzoli fl-Italja u kien wasal fil-knisja eżattament fil-festa tal-patruna tal-mużika, Santa Ċeċilja, fit-22 ta' Novembru 1922. Dan l-orgni kien sewa 500 lira Sterlina u ġie mmuntat mit-Taljan Napoleone. Dan l-orgni hu dak li naraw illum il-ġurnata b'total ta' aktar minn 900 kanna, żewġ tastieri, pedaliera u għoxrin reġistru u couplers.



Qabel ma daħal id-dawl elettriku fil-knisja, l-orgni kien jitħaddem permezz ta' sistema ta' mniefaħ manwali. Kienet tinvolvi li wieħed idawwar rota kbira li mbagħad din kienet tħaddem erba' mnefaħ żgħar. Dawn l-imniefaħ żgħar kienu jitfgħu l-arja f'minfaħ ħafna ikbar li b'hekk il-kanen joħolqu n-nota rispettiva tagħhom. Wara li fl-1932 daħal id-dawl elettriku, din is-sistema manwali nbidlet ma' waħda motorizzata.


Matul iż-żmien kien hemm bżonn ta' diversi restawri. Kien sar xogħol fuqu fl-1957 però sarlu xogħol ta' restawr fl-1978 u fl-1998. Ejjew napprezzaw kull tip ta' patrimonju fis-Siġġiewi - dan l-orgni hu tal-ogħla kwalità anke skont l-opinjoni ta' diversi esperti, fosthom l-Inġinier Robert Buhagiar, Mro Nicholas Zelle u Mro Herman Farrugia Frantz.


Referenzi


Pace, J.M. (2023), Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola ta’ Bari fis-Siġġiewi. Qrendi, Malta - Bestprint.



Comments


bottom of page