top of page

Il-mitjar ta' San Niklaw

Għal ħafna minna, ftit jafu li fil-limiti tas-Siġġiewi kellna mitjar li hemm min għadu jiftakru funzjonabbli. Dan hu l-mitjar ta' San Niklaw fejn it-triq għadha appuntu magħrufa bħala "it-triq tar-runway". Isem dan il-mitjar ġej mill-kappella ftit 'il bogħod minnu ta' San Niklaw. Apparti t-triq dritta u wiesgħa turik li kienet runway, fadal biss ftit bini li kienu l-Main Guard Room u l-Canteen, wieħed minn żewġ torrijiet tal-kontroll u xi bini ta' amministrazzjoni. Dan l-ajruport żgħir kien jikkonsisti f' żewġ runways għal skopijiet militari, waħda twila kilometru u l-oħra 1.08 kilometru. (Muscat 2013)


Ix-xogħol fuq dan il-mitjar beda fl-aħħar tal-1940 ftit wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija f'Malta - xogħol li dam kważi sentejn sa Novembru 1942. Dan id-dewmien kien minħabba skarsezzi li kien hawn f'dawk iċ-ċirkostanzi ta' gwerra. Sakemm tlesta, kienu jinxegħlu r-runways billejl sabiex ifixkel lill-għadu. Kien jakkomoda 76 ajruplan maqsuma fi 3 skwadri fejn kienu jiġu mqiegħda f'pens li kienu lqugħ sabiex jipproteġi l-ajruplani mill-qawwa tal-balal li kienu jaqgħu fil-madwar. It-tip ta' ajruplani li kienu jtiru minn dan il-mitjar kienu l-iSpitfires tal-iskwadri 185, 229 u 249. (Muscat 2013)


L-iSpitfires fil-mitjar ta' San Niklaw

Dan il-mitjar kien strumentali fl-Operazzjoni Husky - l-invażjoni ta' Sqallija, meta dan l-istess mitjar serva ta' bażi ta' refuelling għall-iSpitfires qabel ma' ttajru lejn il-mitjar tax-Xewkija ħalli jkomplu bl-operazzjoni. RAF Krendi, kif kien magħruf dak iż-żmien, reġa' serva ta' bażi biex l-Alleati jattakkaw Capri. (Cassar 2008)


Mal-kapitulazzjoni tal-Italja, qalja kien fadal użu għall-mitjar ta' San Niklaw - għaldaqstant it-titjiriet kienu waqfu fl-1943. Ġieli intuża' għal inżul ta' emerġenza, fosthom fl-1949 u fl-1958. Pero dan il-mitjar beda jservi ta' stazzjon meteoroloġiku mill-1946 sal-1978 kif ukoll ta' kap għall-membri tar-Royal Artillery li kienu stazzjonati f'Malta waqt l-invażjoni ta' Suez. Wara, dan il-mitjar beda jintuża' bħala maħżen tal-munizzjon tar-Royal Navy. (Cassar 2008)


Illum il-ġurnata, apparti r-runway li llum sservi ta' triq pubblika, hemm ħafna minn dan il-kumpless f'artijiet privati fejn hemm ħafna makkinarju u fdalijiet teknoloġiċi minn dak iż-żmien. Ikun sew jekk dawn l-affarijiet jiġu restawrati u esebiti għall-pubbliku f'xi mużew lokali jew militari.


Referenzi


Cassar, K. (2008). Il-mitjar tal-Qrendi. Leħen il-Banda Lourdes, Qrendi, festa 2008, 153, 155-156.


Muscat, E. (2013). Il-mitjar tal-Qrendi jagħlaq 71 sena. Festa titulari ta' Santa Marija, ċċelebrata fil-Parroċċa tal-Qrendi, 15 ta' Awwissu 2013, 137, 139.


Comments


bottom of page