top of page

Kuntent bl-iskeda tal-iskart?


Munzell skart f' Bieb San Ġwann
Misraħ (Bieb) San Ġwann, Siġġiewi

Dan l-aħħar rajna fuq is-social media ħafna filmati u posts ta' ħmieġ u żibel li qed jitħalla jakkumula mal-pajjiż kollu. Naħseb kollha kemm aħna bqajna' diżgustati bl-ammonti esaġerati ta' boroż taż-żibel fuq il-bankini u fit-toroq. Biex tkompli tghaxxaq, dal-munzelli boroż suwed il-ġrieden sabuhom ġenna tal-art li aktar ma jmur, aktar donnhom qed jiżdiedu huma u l-mard u l-ħmieg li dawn igibu magħhom.


Minkejja li forsi is-sitwazzjoni fis-Siġġiewi mhix daqshekk gravi daqs kemm hi f'lokalitajiet oħra speċjalment dawk turistici, naraw b'għajnejna li din ix-xorti qed tmiss ukoll lilna s-Siġġiwin. B'dawra filgħodu mar-raħal jew fil-karozza int u sejjer ix-xogħol ta' spiss naraw xi munzell boroż mal-kantuniera jew speċjalment f'xi postijiet partikolari bhal Bieb San Ġwann u l-kantuniera ta' ħdejn Ta' Kilpa (it-triq li tieħdok lejn Ħal Xluq) fost oħrajn. Nazzarda ngħid li dawn ix-xeni kważi qbadna nidrawhom.


Ir-raġunijiet huma differenti u forsi waħda tgħaqqad mal-oħra. Din il-problema, anzi - din il-kriżi tibda, iddur u tispiċċa mal-problema tal-popolazzjoni żejda li għandna fil-pajjiż. Ma tridx tkun xi espert kbir biex tinduna li aktar nies ifisser aktar skart. Mingħajr ma nidħlu fil-mertu ta' jekk din l-overpopulation hijiex tajba jew ħażina, ma nistgħux nibqgħu nippruvaw insolvuha bl-istess sistemi li użajna 30 jew 20 sena ilu. Fuq din il-materja, ir-responsabbilità taqa' biss fuq il-gvern preżenti li hu l-awtur ta' dan il-mudell ekonomiku.


Is-Siġġiewi dal-aħħar trasfurmawlna wkoll partijiet mill-pajsaġġ tagħna f'muntanji ta' terrapien. Int u tiela' l-Girgenti jew minn xi daħla li tagħti għas-Siġġiewi titfixkel hux dieħel id-Dolomiti flok ir-raħal. Xi mkien irridu nitfgħuh mhux hekk? Ħallijom jaqilgħu lira! Diżappuntanti kif dan l-abbuż ġie tollerat mingħajr biss ħsibna fuq l-impatt li dan qed iħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tas-Siġġiwin - trakkijiet għaddejin il-ħin kollu, trabijiet bla rażan fl-arja u fuq kollox ikomplu jirrovinawlna waħda mill-isbaħ fatturi ta' dan ir-raħal - il-kampanja naturali tagħna. Hawn ukoll il-gvern li xpruna viżjoni ghall-Malta metropolitana ried jagħmel dan b'metodi antikwati li m'għadhomx jaqdu ir-realtà tal-lum.


Ma nistgħux però nippuntaw is-swaba lejn mil-gvern mingħajr ma nammettu li kultant din il-problema nikkawżawha aħna b'ċertu aġir irresponsabbli. Kemm-il darba tara individwi jarmu barra skart goff - l-aqwa li ħeles minnha mill-intrata. Jippreferu jieħdu kedda biex iniżżilha il-Ħesri jew xi rokna moħbija oħra mill-kampanja sabiħa li għandna milli jagħtu ċempila lil Kunsill Lokali. Spiss ukoll naraw nies li ma jsegwux l-iskeda tal-ġbir u joħorġu l-borża taż-żibel f'ġurnata li mhux waqtha. Fuq dan il-lat, hemm bżonn li niddixxiplinaw ruħna u nedukaw ruħna, anke permezz ta' kampanji edukattivi kemm dawk immirati għall-adulti u kemm dawk immirati għat-tfal sabiex il-ġenerazzjoni ta' għada titla' b'rispett lejn l-ambjent ta' madwarna b'mod shih.


Min-naħa l-oħra però, il-Gvern mhux talli ma aġġornax is-sistema tal-ġbir tal-iskart li ilna nużaw dal-aħħar tletin sena, talli bl-iskeda li ntroduċa iż-żibel qed jinġabar ferm u ferm anqas frekwenti. Din mhux sorpriża. Meta ddaħħlet din l-iskeda il-Gvern qabad u biddel kif dehrlu hu mingħajr ebda informazzjoni jew konsultazzjoni - imqar mal-Kunsilli! Ma jistgħax ikun li r-rappreżentanti tagħna jaqbdu u jgħaffġu mingħajr ma jikkonsultaw ma' min eleġġiehom, imbagħad jippretendu li l-poplu joqgħod għal dawn ir-regolamenti li qed jimpattawna fil-ħajja ta' kuljum.



Times of Malta
Times of Malta, 2023

Irridu ninqatgħu minn dan il-One Size Fits All approach u naħsbu barra minn din il-kaxxa b'mod proattiv. B'din is-sistema l-ġdida, l-iskeda, il-frekwenza u s-sistema tal-ġbir fis-Siġġiewi hi identika għal dik ta' Tas-Sliema u tal-Birgu, tlett lokalitajiet bi bżonnijiet u problemi differenti. Minn ewl id-dinja illi l-bżonnijiet ta' raħal rurali, belt kosmopolitana u belt storika u kwieta huma kompletament differenti. Mela fuq din biss, ġa nafu li r-riforma minnha infisha iddestinata biss biex tfalli.

Sadanittant l-irwol tal-kunsilliera u kandidati lokali? Fuq l-iskart il-Gvern għoġbu jirrelega il-Kunsilli għal irwol ta' customer care. Se nibqgħu idejna fuq żaqqna sakemm il-Gvern jagħtina lura l-poteri li jixraq lil Kunsilli Lokali?


Xogħolna għandu jkun ta' appelli lil awtoritajiet biex ireġġgħu din l-iskeda għal waħda li tagħmel sens u li taqdi il-bżonnijiet differenti ta' kull raħal flimkien ma' appell biex jikkonsultaw qabel ma jwettqu r-riformi. B'hekk inkunu l-leħen tar-resident anke fuq din il-kwistjoni, sakemm nittamaw illi il-politika Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali (dik ta' gvernijiet lokali ta' veru u mhux customer care tad-dipartimenti) tidħol fis-seħħ għal ġid ta' kull resident.


X'taħsbu intom li għandu jsir? Nieħu gost jekk tgħadduli s-suġġerimenti tagħkom fil-kummenti hawn isfel.


Comments


bottom of page