top of page

Il-Fawwara

Waħda mill-isbaħ żoni tas-Siġġiewi - post fejn in-natura u s-skiet jirrenjaw bla xkiel ta' xejn. Is-sabiħ tal-Fawwara hu li jinsab 'il bogħod mill-ħakma tal-iżvilupp modern u preserva s-sabiħ tan-natura Maltija.F'din iż-żona nsibu għad ta' għoljiet li aħna s-Siġġiwin insibuhom bħala Ġebel Ciantar. Il-kliem Ġebel Ciantar ġej mill-fatt li post għoli kien jissejjaħ Ġebel u Ciantar tirreferi għal sid-il art. Filfatt sidt l-art kienet Ġlorma Ciantar u ma' din Ġlorma u l-fawwara hemm marbuta leġġenda.



F'din iż-żona hemm nixxiegħa tal-ilma li wkoll tat l-isem ta' Fawwara, għax l-ilma li jfawwar. F'sena niexfa ħafna, din in-nixxiegħa wkoll nixfet u din Ġlorma għamlet wegħda li jekk in-nixxiegħa terġa tibda tnixxi l-ilma, tibni knisja fuq dak il-post. Din it-talba instemgħet u għaldaqstant Ġlorma żammet kelmitha u ħalliet l-għelieqi lil Fratellanza tal-Madonna ral-Karità tal-Kolleġġjata ta' San Pawl tal-Belt sabiex tinbena knisja ddedikata lil Madonna tal-Karmnu. Riċentament ħadna l-aħbar sabiħa illi nfetaħ il-proċess sabiex jibda r-restawr ta' din il-kappella storika - pass tajjeb ħafna.


Kappella oħra l-Fawwara hi dik iddedikata lil Lunzjata. Fl-1619 Gio. Paolo Cassar bena kappella fuq waħda eqdem li kiene iddedikata lil Marija Mtellgħa s-Sema, biex imbagħad reġgħet inbniet mill-ġdid minn Maria Xeberras fl-1708.


Ġan Franġisk Abela tkellem ukoll fuq dawn l-inħawi fis-Siġġiewi - filfatt irrefera għall-abbundanza tal-ilma ġieri u għall-fertilità tal-art speċjalment tal-għelieqi bid-dwieli. Il-fatt li l-Fawwara għandha l-kenn mill-għoljiet ta' warajha filwaqt li tħares lejn in-nofsinhar iwassal għal din il-fertilità tal-art.


Referenzi


Cassar, G. (2011). Il-Fawwara. Festa ta' San Nikola, [Siġġiewi,] 2011, 75, 77, 79.

Commentaires


bottom of page