Bieb San Ġwann
- Ryan Cachia
- Mar 19, 2024
- 2 min read
L-ogħla post fiż-żona urbana fis-Siġġiewi u wesgħa li kienet parti integrali mill-istorja ta' raħalna. Mill-iktar sekli imbiegħda, Bieb San Ġwann jissemma' fil-kotba tal-istorja - filfatt kienet il-wesgħa fejn kienu jiltaqgħu tad-Dejma. Id-Dejma li kienet milizja magħmula min-nies ta' kull raħal li kienet inkarigata mid-difiża tal-poplu speċjalment fil-ħbit tal-furbani. fejn illum hemm salib fuq ċint, qabel kien hemm tlett kappelli żgħar - waħda ddedikata lil Santa Marija Mtellgħa s-Sema, oħra lit-Twelid ta' San Ġwann Battista u kappella oħra. Tad-Dejma kienu jiltaqgħu fil-kappella ta' San Ġwann sakemm wara li ġarrbet xi ħsarat, kellhom jibdew jiltaqgħu fil-kappella ta' Sant Marija.
Madanakollu fiż-żjara ta' Monsinjur Pietru Dużina tal-1575, in-nies ta' Bieb San Ġwann talbuh biex ma' jħalliex aktar lil tad-Dejma jiltaqgħu f'din il-kappella. Dan għaliex matul il-lejl is-suldati kienu jagħmlu setta sħiħa. Ordna wkoll biex iż-żewġ kappelli jsirulhom it-tiswijiet meħtieġa u anke l-bibien. Lejn in-nofs tas-seklu sbatax, saru diversi xogħlijiet fil-kappella ta' Santa Marija fosthom disinji kuluriti u bankijiet tal-ġebel, sakemm kellha titwaqqa' fis-1736 għax is-saqaf beda jċedi. Il-kappella ta' San Ġwann twaqqgħet mitt sena qabel minħabba raġunijiet simili.
Eqreb lejn żmienna fis-seklu għoxrin twaħħlet pompa tal-ilma fuq il-ġibjun li jinsab taħt is-siġra li naraw illum. Dari kienu jtellgħu l-ilma permezz ta' pompi simili madwar ir-raħal. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien ikun hemm impjegat li kien responsabbli li joqgħod mal-pompa ħalli ma jkunx hemm ħela ta' ilma f'dak il-perjodu fejn kull riżors kien skars. Mal-wasla tal-ilma tal-vit din il-pompa tneħħiet.
Illum il-ġurnata Bieb San Ġwann safa' b'dehra ta' telqa fejn ġieli spiċċa b'munzell ta' żibel fuq il-bankijiet. Ir-residenti tal-inħawi spiss isemmu' din il-problema li mbagħad twassal għal problem ta' ġrieden. Irridu nkunu responsabbli u nieħdu ħsieb l-ambjent urban tagħna. Min-naħa ta' Kunsill Lokali, naħseb wasal iż-żmien li nibdew naħsbu kif se nsebbħu din iż-żona marbuta daqshekk mal-istorja tas-Siġġiewi.
Referenzi
Vassallo, N. (2018). Bieb San Ġwann. Festa ta' San Nikola, [Siġġiewi,] 2018, 55-57, 59.
Comments